Sunday, 22 May 2011

X'ifisser l-Internet Ghaz-Zghazagh

X’fisser l-Internet 
għaż-Żgħażagħ –
Omar Coleiro u Axel Zammit 

L-Agenzija Żgħażagħ kompliet l-attivitajiet tal-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ b’attivita’ marbuta mal-iktar ħaġa li ħafna żgħażagħ jużaw matul l-ħin liberu tagħhom jiġifieri l-kompjuter u l-internet. Din l-attivita’ kienet bl-isem ta’ ‘Ħajtek mal-Informatika’ li ħabte ukoll mal-ġurnata ddedikata għall-kommunikazzjoni bejn is-soċjetajiet. Bħala post intgħażel l-MCST, f’Bighi, il-Kalkara.  Żgħażagħ mill-kulleġġ Maria Regina, Skola Subien, Mosta attendew għal din l-attivita’ li kienet immexxija minn studenti li qegħdin jagħmlu Masters fil-Youth Studies. Min-naħa tal-Aġenzija kienu preżenti il-Kap Eżekutiv Miriam Tuema, Jossete Camillei u Davynya Grech. Iż-żgħażagħ bl-għajnuna tal-youth workers preżenti ddiskutew l-importanza tal-internet fil-ħajja tagħhom.  Is-sessjoni bdiet bi clip qasir bl-isem ‘Future of Screen Technology’ fejn diversi żgħażagħ ħassew li kien mod interessanti kif ġie introdott is-suġġett li kienu ser jiddiskutu. Wara, il-grupp inqasam fi tliet gruppi żgħar u kellhom jippreparaw preżentazzjoni kull wieħed bit-titlu Xi jfisser l-Internet Għalik. Kull grupp kellu materjal differenti biex jipprepara għal din il-preżentazzjoni. L-ewwel grupp kellhom laptop u aċċess għall-internet, it-tieni grupp kellhom diversi magazines tal-informatika, chart, imqass u kolla, u t-tielet grupp kellhom kotba dwar l-informatika, markers u chart. Iż-żgħażagħ kellhom madwar nofs siegħa biex jagħmlu din il-preżentazzjoni. Fil- ħin tal-preżentazzjoni kien interessanti li wieħed jinnota li kien hemm ħafna xebh. Per eżempju kien hemm referenza għal seach engines varji, social network u youtube. Wara li saru l-preżentazzjonijiet, id-diskussjoni ffukat fuq l-għodda li kellhom f’idejhom il-parteċipanti. Dawk li kellhom l-Laptop kellhom problema meta weħlet l-operating system u hawn ħareġ il-punt li meta wieħed qed juża  l-kompjuter irid ikollu din l-għodda taħdem sew għax inkella ma jkunx jista’ jlesti x-xogħol. Punt ieħor li qam kien li kull grupp beda jgħid li l-għodda li kellhom l-gruppi l-oħra kienu aħjar għax dawk li kellhom il-magazine kull ma’ kellhom jagħmlu ‘cut u paste’ u mhux jiktbu u jfittxu fuq l-internet, filwaqt li dawk li kellhom il-magazine qalu li tal-markers kienet eħfef għax kull ma riedu jagħmlu jfittxu fil-kotba u jiktbu dak li jiġi f’rashom. Dawk li kellhom il-markers qalu li kienu jippreferu kieku kellhom il-laptop għax kienu issibu iktar informazzjoni malajar.   Id-diskussjoni spiċċat billi l-parteċipanti semmew x’inhuma l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-internet. Il-fatt li ssib li trid, malajr, tisma’ jew tara dak li tixtieq kif ukoll tixtri mill-kumdita’ tad-dar kienu uħud mir-rimarki pożittivi. Min-naħa l-oħra l-internet inaqqas il-komunikazzjoni bejn nies f’sens li ma jiltaqgħux u huwa wkoll mezz teknoloġiku dipendenti fuq l-elettriku. Iż-żgħażagħ ħassew ukoll li ġeneralment wieħed jaħdem iktar waħdu meta jkun qed juża t-teknoloġija.  Punt li xtaqna nagħlqu bih kien kumment ta’ żagħżugħ meta ġie mistoqsi kif kien iħossu kieku f’Malta ma hawnx din it-teknoloġija, hu qal li ma kienet taffetwah xejn għax ma kienx ikun jafx x’qed jitlef minħabba li ħadd ma jużaha.  

No comments:

Post a Comment