Monday, 16 May 2011

X' Qed Iggemma - Gimgha Ewropea taz-Zghazagh


X’qed iġġemma’
L-ewwel attivita tal-Ġimgħa Ewropea għaż-żgħażagħ 2011, kienet f’Bay Street f’ San Ġiljan. L-Aġenzija Żgħażagħ stiednet żgħażagħ biex jesebixxu l-kollezzjonjiet tagħhom.  F’din l-attivita kien hemm 8 parteċipanti bejn individwi u għaqdiet. Il-kollezzjonijiet kienu varji u kull min żar żgur  intlaqat minn xi waħda mill-kollezzjonijiet. Wieħed seta’ jara kollezzjoni ta’ bottijiet tal-luminata, business cards, mudell ta’ trakk, kollezzjoni ta’ insetti, arloġġi antiki, muniti tal-Ewro, affarijiet relatati mal-knisja u reliġjon u mudelli ta’ Iljunfanti.
Matul din l-attivita ħadna l-okkażżjoni biex ntkellmu ma’ dawn il-kollezzjonisti żgħażagħ li kienu preżenti. Xtaqna nkunu nafu għalfejn bdew din it-tip ta’ kollezzjoni, kemm ilhom iġemmgħu, jekk il-kollezzjoni kinetx ikbar u fuq kollox xi dettal partikolari dwar il-kollezzjoni tagħhom.
Sara iġġemma’ bottijiet tal-luminata. Bdiet din il-kollezzjoni meta siefret madwar għaxar snin ilu l-Ingilterra. Il-fatt li f’Malta l-luminata tinbiegħ fil-fliexken tagħmel il-kollezzjoni ta’ Sara waħda interessanti għax il-bottijiet kollha ġabithom minn barra minn Malta. Għal Sara din kienet l-ewwel darba li ħarġet għal wiri parti mill-kollezzjoni tagħha.
Kollezzjoni orignali oħra kienet dik ta’ Romina, li ġġemma’ business cards ta’ kull tip. Bdiet din il-kollezzjoni madwar għaxar snin ilu għax xtaqet tibda iġġemma’ xi ħaġa differenti minn ħaddieħor. Xi ħaġa partikolari li qasmet magħna kien il-fatt li fl-antik li wieħed jagħti business card kienet xi ħaġa importanti u kienet tingħata bl-id il-leminija u min jirċiviha joħodha f’idu leminija u ma kienx ipoġġiha fil-but ta’ wara għax inkella tkun qiesek qed tpoġġi fuq min tahielek.
Kollezzjoni ta’ ċerta valur kienet dik ta’ Godwin li jġemma’ arloġġi antiki magħmula bl-idejn. Beda din il-kollezzjoni madwar għoxrin sena ilu, fil-fatt għandu dar mimlija bl-arloġġi. Xi ħaġa interessanti hija li dawn l-arloġġi hu jixtrihom f’irkanti jew minn fuq il-monti.
Denis seraq l-attenzzjoni tagħna bil-kollezzjoni tiegħu tal-insetti. Beda din il-kollezzjoni minn meta kien għadu tifel. Fuq medda ta’ tmintax –il sena ġabar xejn inqas minn 7000 insett u 100 ġranċ Malti. L-insetti kollha li għandu fil-kollezzjoni jsibhom, jaqbadhom u jibbalzmahom hu stess. Għandu għal qalbu Longhorn Beetle li kienet parti mill-kollezzjoni ta’ Mario Berry. Għal Denis din kienet l-ewwel darba li ħa sehem f’esebizzjoni bħal din.
It-trakk to scale ta’ Kurt kien attrazzjoni oħra f’din il-wirja. Dan it-trakk ħa lil Kurt madwar tliet xhur u nofs biex lestieh. Tajjeb li wieħed issemmi li dan il-mudell huwa custom made u maħdum bir-reqqa. Deletanti tal-bini tal-mudelli jistgħu jiffurmaw parti mill-Malta Society Model Makers li fiha madwar 40 membru. Darba f’sena jagħmlu wirja annwali biex jesebixxu l-mudelli tagħhom.
Għaqda oħra li kienet preżenti kienet l-Għaqda Dilettanti Mudelli ta’ Knejjes li twaqfet fl-1986. Vince tana spejga ħafifa fuq l-affarijiet li kienu qed juru. Xi ħaġa interessanti kienet li min kien preżenti seta’ jara kif wieħed jagħmel labti. Hu qasam magħna kif beda dan id-delizzju għax iħobb affarijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tradizzjoni antika tal-knisja. Din ma kinetx l-ewwel darba li kien qed jieħu sehem f’attivita bħal din, fil-fatt kull sena fl-ewwel ħmistax tar-randan issir wirja fis-Sala ta’ San Franġisk fil-Belt.
 Ħaġa li laqtitna waqt li konna qed nitkellmu maż-żgħażagħ kienet li huma infurmati tajjeb u jieħdu pjaċir jitkellmu fuq il-kollezzjoni tagħhom b’ċerta imħabba. X’qed tistenna ibda ġemma’ xi ħaġa int ukoll. 

No comments:

Post a Comment