Illum morna niskopru ftit aktar dwar is-swar li jdawru l-Belt Valletta. Dr. Stephen Spiteri minn Heritage Malta flimkien ma’ Trudy Grech mexxew il-grupp ta’ żgħażagħ mill-Kulleġġ ta’ Santa Clara, Skola Sekondarja Bniet, Pembroke. Mill-Aġenzija Żgħażagħ kien hemm jgħinu Jossette Camilleri u Dario, student tat-tieni sena fil-kors tal-Youth Studies. F’temp sajfi dorna u skoprejna affarijiet vera interessanti dwar il-fortifikazzjonijiet li wieħed isib fil-Belt Valletta.
Iltqajna mal-gwidi tagħna quddiem Kastilja u l-ewwel waqfa kienet fil-Barrakka ta’ Fuq li sirna nafu li oriġinarjament kien tissejaħ Barrakka Nova. Wieħed ma jistax jonqos milli jsemmi l-veduta tal-port li hu fortifikat b’ mod naturali. Infatti din kienet waħda mir-raġunijiet għala l-Kavallieri ta’ San Gwann aċċettaw li jiġu Malta. Punt ieħor interessanti hu li fil-port jistgħu jitrakkaw ħames ‘cruise liners’ fl-istess ħin.

Minn quddiem il-barrakka, imxejna għal fuq l-bastjun ta’ San Ġakbu. Hawn sirna nafu li fil-belt kapitali insibu erba’ (4) bastjuni; ta’ San Pietru u San Pawl, San Ġakbu, San Mikiel u San Ġwann. Ma’ kull bastjun hemm gardjola, minn fejn fi żmien il-kavallieri l-għassiesa setgħu jaraw x’kien qed jiġri fil bogħod u fil-foss. Quddiem kull bastjun hemm kontra bastjun. Ħaġa oħra interessanti hi li wara l-bastjuni ta’ San Ġakbu u San Ġwann wieħed isib fortizza oħra li jgħidulhom il-Kavallier ta’ San Ġakbu u San Ġwann għax jirrappreżentaw kavallier fuq żiemel.

Qabel ma’ ħallejna liż-żgħażagħ ikomplu jġawdu l-ġmiel tal-Belt Valletta ġbarna ftit kummenti mingħandhom, u qalulna li ħadu pjaċir għax kellhom iċ-ċans joħorġu ma’ sħabhom u fuq kollox jaraw u jismgħu ftit fuq dak li tgħallmu fil-klassi dwar il-belt kapitali.
Ġurnalisti: - Manuel Deċelis, Wayne Mamo u Gabriel Edwards
No comments:
Post a Comment